L-Iskart tal-Plastik: strateġija Ewropea biex inħarsu l-pjaneta, niddefendu ċ-ċittadini tagħna u nsaħħu l-industriji tagħna

L-Iskart tal-Plastik: strateġija Ewropea biex inħarsu l-pjaneta, niddefendu ċ-ċittadini tagħna u nsaħħu l-industriji tagħna

L-ewwel strateġija għall-Ewropa kollha dwar il-plastik, li ġiet adottata llum, hija parti mit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari.

It-Tlieta, 16 ta’ Jannar 2018

Se tħares l-ambjent mit-tniġġis tal-plastik filwaqt li trawwem it-tkabbir u l-innovazzjoni biex l-isfida tibdilha f'aġenda pożittiva għall-Futur tal-Ewropa. Jeżisti argument kummerċjali b'saħħtu biex inbiddlu l-mod li bih niddisinjaw, nipproduċu, nużaw u nirriċiklaw il-prodotti fl-UE, u jekk nieħdu f'idejna r-riedni f'din it-tranżizzjoni se noħolqu opportunitajiet ġodda ta' investiment u impjiegi. Bil-pjanijiet il-ġodda, sal-2030, l-imballaġġ kollu tal-plastik fis-suq tal-UE se jkun riċiklabbli, il-konsum ta' plastik li jintuża darba biss se jitnaqqas u l-użu intenzjonat tal-mikroplastiks se jiġi ristrett.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans, responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli, stqarr: “Jekk ma nibdlux il-mod li bih nipproduċu u nużaw il-plastik, sal-2050 se nispiċċaw b'aktar plastik milli ħut fl-oċeani. Irridu nwaqqfu l-plastik milli jispiċċa fl-ilma u fl-ikel tagħna, u saħansitra milli jidħol f'ġisimna. L-unika soluzzjoni fit-tul hija li nnaqqsu l-iskart tal-plastik billi nirriċiklaw aktar u nużaw mill-ġdid aktar. Din hija sfida li ċ-ċittadini, l-industrija u l-gvernijiet ikollhom jindirizzawha flimkien. Bl-Istrateġija tal-UE dwar il-Plastik qegħdin nixprunaw ukoll mudell ta' negozju ġdid u aktar ċirkolari. Jeħtieġ ninvestu f'teknoloġiji ġodda u innovattivi li liċ-ċittadini u lill-ambjent tagħna jżommuhom siguri filwaqt li jżommu l-industrija tagħha f'qagħda kompetittiva."

Il-Viċi-President Jyrki Katainen, responsabbli għall-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u l-kompetittività, qal: Bl-istrateġija tagħna dwar il-plastik, qegħdin inwittu t-triq għal ekonomija ċirkolari ġdida tal-plastik, u qegħdin immexxu l-investiment f'din id-direzzjoni. B'hekk, nikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-iskart fuq l-arti, fl-arja u fil-baħar filwaqt li noħolqu wkoll opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi ta' kwalità għolja. “Din hija opportunità kbira biex l-industrija Ewropea tiżviluppa pożizzjoni ta' tmexxija fit-teknoloġiji ġodda u l-materjali fid-dinja kollha. Il-konsumaturi se jingħataw is-setgħa jagħmlu għażliet konxji favur l-ambjent. Kulħadd joħroġ rebbieħ.

Kull sena, iċ-ċittadini Ewropej jiġġeneraw 25 miljun tunnellata ta' skart tal-plastik, imma inqas minn 30% minnu jinġabar għar-riċiklaġġ. Madwar id-dinja, 85% tal-iskart fuq ix-xtut huwa tal-plastik. Il-plastik saħansitra qed jispiċċa fil-pulmuni u fuq l-imwejjed tal-ikel taċ-ċittadini, u dan meta l-mikroplastik fl-arja, fl-ilma u fl-ikel għadna ma nafux x'impatt għandu fuq is-saħħa tal-bniedem. Hija u tibni fuq il-ħidma tal-Kummissjoni fl-imgħoddi, l-istrateġija l-ġdida dwar il-plastik madwar l-UE se tindirizza l-kwistjoni direttament.

L-istrateġija dwar il-plastik tal-lum se tittrasforma l-mod li bih jiġu ddisinnjati, immanifatturati, użati u rriċiklati l-prodotti fl-UE. Ta' spiss jiġri li l-mod li bih jiġi prodott, użat u mormi l-plastik, jonqos milli jieħu l-benefiċċji ekonomiċi ta' approċċ aktar ċirkolari. Dan huwa ta' ħsara għall-ambjent. L-għan huwa li l-ambjent jiġi mħares filwaqt li fl-istess ħin titwitta t-triq għal ekonomija ġdida rigward il-plastik, fejn id-disinn u l-produzzjoni jirrispettaw bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-użu mill-ġdid, tat-tiswija u tar-riċiklaġġ u jiġu żviluppati materjali aktar sostenibbli.

L-Ewropa qiegħda fl-aqwa sitwazzjoni biex tmexxi din it-tranżizzjoni. Dan l-approċċ se jġib miegħu opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni, għall-kompetittività u għall-ħolqien tal-impjiegi. Bl-istrateġija dwar il-plastik, il-Kummissjoni adottat Qafas ta' Monitoraġġ, magħmul minn sett ta' għaxar indikaturi ewlenin li jkopru kull fażi taċ-ċiklu, li se jkejlu l-progress lejn it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

Bl-istrateġija l-ġdida, l-Unjoni Ewropea sejra:

  • Tagħmel mezz li n-negozju jkun jaqbillu jirriċikla: Se jiġu żviluppati regoli ġodda dwar l-imballaġġ biex il-plastik fis-suq ikun jista' jiġi rriċiklat b'mod aħjar u titjieb id-domanda għal kontenut ta' plastik irriċiklat. Jekk jibda jinġabar aktar plastik, għandhom jiġu stabbiliti faċilitajiet ta' riċiklaġġ, anke fuq skala ikbar, flimkien ma' sistema aħjar u standardizzata għall-ġbir separat u s-separazzjoni tal-iskart madwar l-UE. Dan iwassal biex jiġu ffrankati madwar mitt ewro għal kull tunnellata li tinġabar Iwassal ukoll għal valur miżjud ogħla għal industrija tal-plastik aktar kompetittiva u reżiljenti.
  • Tnaqqas l-iskart tal-plastik: Il-leġiżlazzjoni Ewropea diġà wasslet għal tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-basktijiet tal-plastik f'diversi Stati Membri. Il-pjanijiet il-ġodda issa se jduru għal tipi oħra ta' plastik li jintuża darba biss kif ukoll għall-irkaptu tas-sajd, b'appoġġ għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni nazzjonali filwaqt li jiġi eżaminat kemm ikun f'loku li jiġu proposti regoli ġodda madwar l-UE fl-2018 abbażi tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-evidenza disponibbli. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll miżuri biex tirrestrinġi l-użu tal-mikroplastik fil-prodotti u jiddaħħlu t-tikketti għall-plastik bijodegradabbli u kompostabbli.
  • Twaqqaf ir-rimi tal-iskart fil-baħar: Regoli ġodda dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet se jindirizzaw l-iskart li jinsab fil-baħar u dak li jiġi ġġenerat fuq il-baħar, b'miżuri li jiżguraw li l-iskart iġġenerat fuq il-bastimenti jew miġbur mill-baħar ma jitħalliex fil-baħar iżda jiġi rritornat lura fuq l-art, fejn jiġi ġestit kif suppost. Se jkun hemm ukoll miżuri biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-portijiet, fuq il-bastimenti u fuq l-awtoritajiet kompetenti.
  • Tħeġġeġ l-investiment u l-innovazzjoni: Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida għall-awtoritajiet nazzjonali u għan-negozji Ewropej dwar kif jistgħu inaqqsu l-iskart tal-plastik f'ras il-għajn. L-appoġġ għall-innovazzjoni se jkompli jiżdied, b'EUR 100 miljun addizzjonali biex jiġi ffinanzjat l-iżvilupp ta' plastik aktar sofistikat u aktar riċiklabbli, biex il-proċessi tar-riċiklaġġ isiru aktar effiċjenti u biex is-sustanzi perikolużi u l-kontaminati jiġu ttraċċati u jitneħħew mill-plastik.
  • Tixpruna bidla madwar id-dinja: Hekk kif l-Unjoni Ewropea timxi fi triqitha, se naħdmu wkoll ma' atturi oħra madwar id-dinja biex insibu soluzzjonijiet globali u niżviluppaw standards internazzjonali. Barra minn hekk se nkomplu nappoġġaw inizjattivi oħra, kif għamilna diġà bit-tindif tax-Xmara Ganga fl-Indja.

Il-Passi li Jmiss

Id-Direttiva l-ġdida dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet li ġiet proposta llum issa se tgħaddi quddiem il-Parlament Ewropea u l-Kunsill għall-adozzjoni.

Soġġetta għar-rekwiżiti tar-Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposta dwar il-plastik li jintuża darba biss aktar tard fl-2018.

Il-partijiet ikkonċernati għandhom sat-12 ta' Frar 2018 biex jikkontribwixxu għall-konsultazzjoni pubblika li għaddejja bħalissa.

Il-Kummissjoni se tvara l-ħidma dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ u se tħejji linji gwida dwar il-ġbir separat u s-separazzjoni tal-iskart li għandhom jinħarġu fl-2019.

Għal-lista sħiħa ta' miżuri u l-iskeda ta' żmien tagħhom, ara l-Anness tal-Istrateġija dwar il-Plastik hawn.

Kuntest

Fil-passi tal-Pakkett tal-2015 dwar l-Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija dwar il-Plastik tħejjiet minn tim fil-qalba tal-proġett magħmul mill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans, il-Viċi President Jyrki Katainen u l-Kummissarji Karmenu Vella u Elżbieta Bieńkowska. Bosta Kummissarji oħra wkoll kienu involuti fit-tħejjija tagħha u għenu biex jiġu identifikati l-aktar għodod effikaċi li jkopru firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika.

L-inizjattivi adottati mill-Kulleġġ illum jieħdu l-forma ta':

  • Komunikazzjoni dwar strateġija Ewropea għall-Plastik f'Ekonomija Ċirkolari;
  • Komunikazzjoni dwar l-Interfaċċa bejn is-sustanzi Kimiċi, il-Prodotti u l-Iskart;
  • Qafas ta' Monitoraġġ għall-Ekonomija Ċirkolari;
  • Direttiva ġdida dwar il-Faċilitajiet ta' Akkoljenza fil-Portijiet.

Dawn huma appoġġati mir-Rapport dwar il-Materja Prima Kritika u r-Rapport dwar l-Oxo-plastics

Fit-2 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pakkett ambizzjuż tal-Ekonomija Ċirkolari, u l-miżuri tal-lum huma parti minn dan il-Pakkett.

L-Istrateġija dwar il-Plastik se tagħmel ukoll kontribuzzjoni tanġibbli biex jintlaħqu l-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli għall-2030 u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

L-UE diġà ħadet passi sinifikanti billi stabbiliet rekwiżiti ħalli l-Istati Membri jadottaw miżuri biex inaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik u biex jissorveljaw u jnaqqsu l-iskart fil-baħar.

Fil-ġejjieni hemm ukoll prospetti sinifikanti biex tiġi żviluppata industrija ċirkolari u innovattiva għall-plastik madwar id-dinja kollha.

Għal Aktar Informazzjoni

L-Iskart tal-Plastik: strateġija Ewropea biex inħarsu l-pjaneta, niddefendu ċ-ċittadini tagħna u nsaħħu l-industriji tagħna IP-18-5_MT.pdf - 69 KB

Għal aktar materjal u informazzjoni, jekk jogħġbok żur il-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta' din l-istqarrija għall-istampa.

 

Enrico BRIVIO Spokesperson European Commission
Ana CRESPO PARRONDO