Ekonomija Ċirkolari: Ir-regoli ġodda dwar l-iskart se jpoġġu lill-UE minn ta' quddiem fil-livell globali għall-immaniġġjar tal-iskart u r-riċiklaġġ
Illum, bħala parti mill-politika usa' tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari, l-Istati Membri tal-UE approvaw sett ta' miżuri ambizzjużi biex il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tkun adegwata għall-futur.
It-Tlieta, 22 ta’ Mejju 2018
Ir-regoli l-ġodda — imsejsa fuq il-proposti tal-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari mressaq f'Diċembru 2015 — se jgħinu biex kemm jista' jkun ma jintremiex skart, u fejn dan ma jkunx possibbli, se jaġevolaw ir-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali u dak ġej mill-imballaġġ. Dan se jelimina gradwalment ir-rimi fil-miżbliet u se jippromwovi l-użu ta' strumenti ekonomiċi, bħall-iskemi ta' Responsabbiltà Estiża tal-Produttur. Il-liġi l-ġdida tkompli ssaħħaħ il-“ġerarkija tal-iskart”, jiġifieri se titlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi biex jagħtu prijorità lill-prevenzjoni, lill-użu mill-ġdid u lir-riċiklaġġ minflok lir-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni, u b'hekk l-ekonomija ċirkolari ssir realtà.
Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella, qal: “Din l-approvazzjoni finali għar-regoli l-ġodda tal-UE dwar l-iskart mill-Kunsill timmarka mument importanti għall-ekonomija ċirkolari fl-Ewropa. Il-miri ġodda ta' riċiklaġġ u tar-rimi fil-miżbliet jistabbilixxu perkors kredibbli u ambizzjuż għal ġestjoni aħjar tal-iskart fl-Ewropa. Il-kompitu ewlieni tagħna issa huwa li jiġi żgurat li l-wegħdiet li huma mnaqqxa f'dan il-pakkett dwar l-iskart jiġu attwati. Il-Kummissjoni se tagħmel dak kollu li tista' biex twassal il-leġiżlazzjoni l-ġdida sal-livell lokali.”
Il-Kummissjoni oriġinarjament kienet ressqet il-proposti għal regoli ġodda dwar l-iskart fl-2014. Dawn kienu ġew irtirati sena wara, fl-2015, u minflokhom tressqu proposti oħrajn maħsuba aħjar, aktar ċirkolari u aktar ambizzjużi fin-natura tagħhom, bħala parti mill-aġenda tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni Juncker. Dawn ir-regoli kienu mbagħad ġew adottati u llum jagħmlu parti mis-sett tar-regoli tal-UE.
Ir-regoli l-ġodda li ġew adottati llum jirrappreżentaw l-aktar leġiżlazzjoni moderna dwar l-iskart fid-dinja, u l-UE qiegħda tmexxi bl-eżempju tagħha.
Id-dettalji tar-regoli l-ġodda dwar l-iskart:
Il-miri tar-riċiklaġġ mill-iskart muniċipali:
Sal-2025
-
55 %
Sal-2030
-
60 %
Sal-2035
-
65 %
Barra minn hekk, regoli aktar stretti biex jiġu kkalkulati r-rati ta' riċiklaġġ se jgħinu biex jiġi mmonitorjat aħjar il-progress reali lejn l-ekonomija ċirkolari.
Il-miri tar-riċiklaġġ ġodda għall-iskart mill-imballaġġ:
Sal-2025
-
L-imballaġġ kollu - 65 %
-
Plastik - 50 %
-
Injam - 25 %
-
Metalli ferrużi - 70 %
-
Aluminju - 50 %
-
Ħġieġ - 70 %
-
Karta u kartun - 75 %
Sal-2030
-
L-imballaġġ kollu - 70 %
-
Plastik - 55 %
-
Injam - 30 %
-
Metalli ferrużi - 80 %
-
Aluminju - 60 %
-
Ħġieġ - 75 %
-
Karta u kartun - 85 %
Il-ġbir separat
Fuq il-bażi tal-obbligu tal-ġbir separat għall-karta u l-kartun, għall-ħġieġ, għall-metalli u għall-plastik, regoli ġodda tal-ġbir separat se jagħtu spinta lill-kwalità tal-materja prima sekondarja u l-użu tagħhom: l-iskart domestiku perikoluż se jkollu jiġi miġbur separatament sal-2022, il-bijoskart sal-2023 u t-tessuti sal-2025.
L-eliminazzjoni gradwali tar-rimi fil-miżbliet
Ir-rimi tal-iskart fil-miżbliet ma jagħmilx sens f'ekonomija ċirkolari u jista' wkoll iniġġes l-ilma, il-ħamrija u l-arja. Sas-sena 2035, l-ammont tal-iskart muniċipali mormi f'miżbliet għandu jitnaqqas għal 10 % jew inqas mill-ammont totali tal-iskart muniċipali ġġenerat.
L-inċentivi
Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tipprevedi aktar l-użu ta' strumenti ekonomiċi effettivi u miżuri oħra favur il-ġerarkija tal-iskart. Il-produtturi jingħataw rwol importanti f'din it-tranżizzjoni billi jsiru responsabbli għall-prodotti tagħhom meta dawn isiru skart. Rekwiżiti ġodda għal skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur se jwasslu għal titjib fil-prestazzjoni u l-governanza tagħhom. Barra minn hekk, sal-2024 għandhom jiġu stabbiliti skemi obbligatorji ta' responsabbiltà estiża tal-produttur għal kull imballaġġ.
Il-prevenzjoni
Il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tixħet enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni tal-iskart u se tintroduċi għanijiet importanti għall-iskart tal-ikel fl-UE u għat-twaqqif ta' skart fil-baħar li jgħinu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU f'dawn l-oqsma.
Il-passi li jmiss:
Ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali.
Il-kuntest
Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, fit-2 ta' Diċembru 2015 il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett ta' proposti leġiżlattivi dwar l-iskart. Fit-18 ta' Diċembru 2017, intlaħaq ftehim provviżorju dwar l-erba' proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni bejn il-koleġiżlaturi. Il-Parlament Ewropew approva l-ftehim fis-sessjoni plenarja tiegħu f'April 2018.
Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, ħafna Stati Membri tejbu gradwalment il-ġestjoni tagħhom tal-iskart, b'konformità mal-ġerarkija tal-iskart tal-UE. Fl-1995, medja ta' 64 % ta' skart muniċipali ntrema' f'miżbliet fl-UE. Fl-2000, il-medja kienet tnaqqset għal 55 % filwaqt li l-medja tar-rata ta' riċiklaġġ kienet ta' 25 %. Fl-2016, ir-rimi f'miżbliet ta' skart domestiku fl-UE b'mod ġenerali naqas għal 24 %, filwaqt li r-riċiklaġġ żdied għal 46 %. Madankollu, għad hemm sfidi u differenzi kbar bejn il-pajjiżi tal-UE. Fl-2016, għaxar Stati Membri rmew fil-miżbliet aktar minn 50 % tal-iskart domestiku tagħhom u sitta minnhom inċineraw 40 % jew aktar.
Għal aktar tagħrif
Għat-test tad-Direttivi l-ġodda kklikkja hawnhekk.
Għal aktar materjal u informazzjoni, jekk jogħġbok żur il-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta' din l-istqarrija għall-istampa.