Użu mill-ġdid tal-ilma: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex l-użu mill-ġdid tal-ilma jkun iktar faċli u sikur għall-irrigazzjoni agrikola

Użu mill-ġdid tal-ilma: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex l-użu mill-ġdid tal-ilma jkun iktar faċli u sikur għall-irrigazzjoni agrikola

Illum, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex tistimula u tiffaċilita l-użu mill-ġdid tal-ilma fl-UE għall-irrigazzjoni agrikola. Ir-regoli l-ġodda se jgħinu lill-bdiewa jagħmlu l-aħjar użu tal-ilma mormi li mhux tajjeb għax-xorb, itaffu l-iskarsezza tal-ilma filwaqt li jipproteġu lill-ambjent u lill-konsumaturi.

It-Tnejn, 28 ta’ Mejju 2018

Il-Kummissarju Vella, responsabbli għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qal: “Din il-proposta se toħloq biss rebbieħa – il-bdiewa tagħna se jkollhom aċċess għal provvista sostenibbli tal-ilma għall-irrigazzjoni, il-konsumaturi tagħna se jkunu jafu li l-prodotti li jieklu huma sikuri, u n-negozji tagħna se jiskopru opportunitajiet ġodda. L-ikbar rebbieħ minnhom kollha se jkun l-ambjent tagħna għaliex il-proposta tikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tar-riżors l-iktar prezzjuż tagħna – l-ilma.”

X'qed tipproponi l-Kummissjoni?

  • Rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat minn impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi, li jkopru elementi mikrobijoloġiċi (pereżempju l-livelli tal-batterji E. coli) u r-rekwiżiti tal-monitoraġġ għall-monitoraġġ ta' rutina u ta' validazzjoni. L-iffissar ta' rekwiżiti minimi se jiggarantixxi li l-ilma riġenerat li jkun prodott b'konformità mar-regoli l-ġodda se jkun sikur għall-irrigazzjoni.
  • Ġestjoni tar-riskju fejn kwalunkwe periklu addizzjonali jrid jiġi indirizzat biex l-użu mill-ġdid tal-ilma jkun sikur.
  • Iktar trasparenza. Il-pubbliku se jkollu aċċess għall-informazzjoni online dwar il-prattiki tal-użu mill-ġdid tal-ilma fl-Istati Membri tiegħu.

Illum, l-użu mill-ġdid tal-ilma fl-UE huwa ferm inqas mill-potenzjal tiegħu minkejja l-fatt li l-impatt ambjentali u l-enerġija meħtieġa għall-estrazzjoni u t-trasportazzjoni tal-ilma ħelu huma ferm ikbar. Barra minn hekk, terz mis-superfiċe tal-UE tbati minn stress fuq l-ilma matul is-sena kollha u l-iskarsezza tal-ilma għadha kwistjoni ta' tħassib importanti għal ħafna mill-Istati Membri tal-UE. Ix-xejriet mhux prevedibbli tat-temp, li kulma jmur dejjem qed jiżdiedu, inkluż nixfa severa, ukoll għandhom il-probabbiltà li jkollhom konsegwenzi negattivi kemm fuq il-kwantità kif ukoll fuq il-kwalità tar-riżorsi tal-ilma ħelu. Ir-regoli l-ġodda jimmiraw li jiżguraw li aħna nagħmlu l-aħjar użu tal-ilma ttrattat minn impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi, billi jipprovdu alternattiva affidabbli għall-provvista tal-ilma. Billi wieħed irendi utli ilma mormi li mhux tajjeb għax-xorb, dawn ir-regoli se jikkontribwixxu wkoll għall-iffrankar tal-ispejjeż ekonomiċi u ambjentali marbuta mal-istabbiliment ta' provvisti ġodda tal-ilma.

Sfond

Ir-Regolament propost mill-Kummissjoni jimmira li jtaffi l-iskarsezza tal-ilma madwar l-UE, fil-kuntest tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Se jiżgura li l-ilma mormi ttrattat maħsub għall-irrigazzjoni agrikola huwa sikur, filwaqt li jipproteġi liċ-ċittadini u lill-ambjent.

Il-proposta hija parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018, b'segwitu għall-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari, u jikkompleta l-qafas legali eżistenti tal-UE dwar l-ilma u l-oġġetti tal-ikel.

Tikkumplimenta l-modernizzazzjoni li għaddejja tal-ekonomija Ewropea, il-Politika Agrikola Komuni u l-ambizzjonijiet tat-tibdil fil-klima, u tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU fl-UE (b'mod partikolari l-Għan 6 dwar l-ilma u s-sanitazzjoni), kif ukoll toqgħod mat-tranżizzjoni lejn Ekonomija Ċirkolari li hija għan importanti tal-Kummissjoni.

Għal Aktar Informazzjoni

Użu mill-ġdid tal-ilma: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex l-użu mill-ġdid tal-ilma jkun iktar faċli u sikur għall-irrigazzjoni agrikola IP-18-3929_MT.pdf - 56 KB

Għal aktar materjal u informazzjoni, jekk jogħġbok żur il-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta' din l-istqarrija għall-istampa.

 

Enrico BRIVIO Spokesperson European Commission
Ana CRESPO PARRONDO