Ekonomija Ċirkolari: Il-Kummissjoni tilqa' l-adozzjoni finali mill-Kunsill ta' regoli ġodda dwar il-plastik li jintuża darba biss sabiex jitnaqqas l-iskart tal-plastik fil-baħar
Il-Kunsill tal-UE llum adotta l-miżuri ambizzjużi proposti mill-Kummissjoni biex jiġi indirizzat l-iskart fil-baħar li ġej mill-għaxar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u li jinstabu l-aktar sikwit fil-bajjiet Ewropej, kif ukoll mill-irkaptu tas-sajd abbandunat u mill-plastik ossodegradabbli.
It-Tlieta, 21 ta’ Mejju 2019
Ir-regoli dwar l-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss u l-irkaptu tas-sajd jipprevedu l-applikazzjoni ta' miżuri differenti għal prodotti differenti, u jqiegħdu lill-UE fuq quddiem nett fil-ġlieda globali kontra l-iskart fil-baħar. Fejn ikun hemm alternattivi faċilment disponibbli u affordabbli, il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss se jiġu pprojbiti mis-suq, fosthom il-pożati, il-platti u l-istraws. Għal prodotti oħra, l-enfasi hija fuq il-limitazzjoni tal-użu tagħhom permezz ta' tnaqqis fil-konsum nazzjonali; fuq ir-rekwiżiti tad-disinn u tat-tikkettar; u fuq l-obbligi tal-immaniġġjar / tat-tindif tal-iskart għall-produtturi.
L-ewwel Viċi President Frans Timmermans, responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli, stqarr: “Hemm sens ta' urġenza dejjem jikber fis-soċjetà Ewropea biex nagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex inwaqqfu t-tniġġis mill-plastik fl-oċeani tagħna. L-Unjoni Ewropea qed twieġeb għal din is-sejħa ċara miċ-ċittadini tagħna. Ħadna passi ambizzjużi biex nintroduċu miżuri konkreti biex inaqqsu l-użu tal-plastik li jintuża darba biss. Permezz tar-regoli l-ġodda li ġew adottati llum nistgħu nħarsu s-saħħa taċ-ċittadini tagħna u nissalvagwardjaw l-ambjent naturali tagħna, filwaqt li nippromwovu konsum u produzzjoni aktar sostenibbli. Għandna nkunu lkoll kburin li l-Ewropa qed tistabbilixxi standards ġodda u ambizzjużi, li jwittu t-triq għall-bqija tad-dinja.”
Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, żied: “F'ekonomija moderna jeħtieġ li nnaqqsu l-ammont ta' skart tal-plastik u niżguraw li nirriċiklaw il-biċċa l-kbira tal-plastik li jintuża. Modi ta' produzzjoni aktar innovattivi u sostenibbli se joħolqu opportunitajiet ġodda għan-negozji Ewropej, filwaqt li jżidu l-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tagħhom. Ladarba jiġu implimentati, ir-regoli l-ġodda mhux biss se jindirizzaw it-tniġġis mill-plastik, iżda wkoll jagħmlu l-Unjoni Ewropea l-mexxejja dinjija fejn għandha x'taqsam il-politika dwar il-plastik aktar sostenibbli, u b'hekk imexxu ‘l quddiem l-ekonomija ċirkolari tagħna.”
Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella, ikkonkluda: “L-istraws jew il-frieket tal-plastik huma oġġetti żgħar iżda jistgħu jagħmlu ħsarat kbar u fit-tul. Il-leġiżlazzjoni dwar il-plastik li jintuża darba biss se tindirizza 70 fil-mija tal-oġġetti tal-iskart fil-baħar, u b'hekk tevita ħsara ambjentali illi kieku tkun tiswa daqs EUR 22 biljun sal-2030. L-UE ħadmet malajr u b'mod effettiv fuq proposta li l-Kummissjoni ppreżentat daqs sena ilu. Kollox ma' kollox, din hija l-leġiżlazzjoni Ewropea fl-aqwa tagħha, li qed twieġeb għad-domanda popolari, qed tagħmel il-ġid lill-pjaneta kif ukoll lill-abitanti tagħha, u qiegħda ġenwinament tmexxi lid-dinja.”
Ir-regoli l-ġodda huma proporzjonati u mfassla biex jiksbu l-aħjar riżultati. Dan ifisser li se jiġu applikati miżuri differenti għal prodotti differenti. Ir-regoli l-ġodda se jintroduċu:
-
Projbizzjoni fuq prodotti tal-plastik magħżula li jintużaw darba biss u li għalihom jeżistu alternattivi fis-suq: stikek tal-cotton buds, pożati, platti, straws, ħawwada tax-xorb, stikek tal-bżieżaq, kif ukoll kikkri, kontenituri tal-ikel u tax-xorb magħmula minn polistiren espandut, u fuq il-prodotti kollha magħmula mill-plastik ossodegradabbli.
-
Miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-kontenituri tal-ikel u tal-kikkri tax-xorb magħmula mill-plastik, u l-immarkar u t-tikkettar speċifiċi ta' ċerti prodotti.
-
Skemi ta' Responsabbiltà Estiża tal-Produttur li jkopru l-ispiża għat-tindif tal-iskart, applikati għal prodotti bħall-filtri tat-tabakk u l-irkaptu tas-sajd.
-
Mira ta' ġbir separat ta' 90 % għall-fliexken tal-plastik sal-2029 (77 % sal-2025) u l-introduzzjoni ta' rekwiżiti tad-disinn għat-twaħħil tat-tappijiet mal-fliexken, kif ukoll il-mira li jiġi inkorporat 25 % tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET mill-2025 'il quddiem u 30 % fil-fliexken tal-plastik kollha mill-2030 'il quddiem.
Il-passi li jmiss
Id-Deċiżjoni tal-lum mill-Kunsill tal-UE se tiġi segwita bil-pubblikazzjoni tat-testi f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva se tidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha. L-Istati Membri mbagħad ikollhom sentejn biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom.
Id-Direttiva għandha dati differenzjati għat-traspożizzjoni fir-rigward ta' ċerti miżuri:
-
Il-projbizzjonijiet u l-obbligi tal-immarkar iridu jiġu implimentati sentejn wara d-dħul fis-seħħ.
-
It-tappijiet u l-għotjien imwaħħlin għandhom jibqgħu mwaħħla mal-kontenituri kollha tax-xorb ta' mhux aktar minn tliet litri, ħames snin wara li tidħol fis-seħħ id-Direttiva.
-
L-obbligi addizzjonali għar-responsabbiltà estiża tal-produtturi se jkollhom jiġu implimentati bejn Jannar 2023 u l-31 ta' Diċembru 2024, skont il-prodott.
Sfond
Id-Direttiva dwar il-Prodotti tal-Plastik li jintużaw darba biss hija element essenzjali tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni ta' Juncker, u hija parti mill-Istrateġija tal-UE dwar il-Plastik - l-aktar strateġija komprensiva fid-dinja li tadotta approċċ ta' ċiklu tal-ħajja speċifiku għall-materjali biex tindirizza l-ħela tal-iskart tal-plastik u l-ħsara li jagħmel, kif ukoll biex tappoġġa l-viżjoni ta' industrija tal-plastik intelliġenti, innovattiva u sostenibbli.
Id-Direttiva ssegwi approċċ simili għad-Direttiva dwar il-Basktijiet tal-Plastik tal-2015, li tant kellha suċċess u li ġabet bidla rapida fl-imġiba tal-konsumatur. Il-miżuri l-ġodda, ladarba jiġu implimentati, se jġibu kemm benefiċċji ambjentali kif ukoll ekonomiċi, bħal pereżempju:
-
Jevitaw l-emissjoni ta' 3.4 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju.
-
Jevitaw ħsara ambjentali illi kieku tkun tiswa daqs EUR 22 biljun sal-2030.
-
Jiffrankaw lill-konsumaturi s-somma proġettata ta' EUR 6.5 biljun.
Għal aktar informazzjoni
Anness: Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss (sommarju u eżiti ewlenin)
Skeda informattiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss
Proposta dwar il-plastik li jintuża darba biss
Mistoqsijiet u Tweġibiet: Regoli ġodda tal-UE dwar il-plastik li jintuża darba biss
Skeda Informattiva dwar il-Plastik
Strateġija Ewropea dwar il-Plastik
Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari
Il-Kummissjoni tniedi l-Alleanza Ċirkolari dwar il-Plastik
Il-Kampanja “Be Ready to Change”
Għal aktar materjal u informazzjoni, jekk jogħġbok żur il-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta' din l-istqarrija għall-istampa.